Covenant of Mayors
  Covenant Newsletter July 2017  
       
 
"Is-settur tal-enerġija huwa tabilħaqq deċiżiv għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi iżda anke biex jipproteġi liċ-ċittadini tagħna"
Intervista mal-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija Miguel Arias Cañete
 
   

български (bg) - čeština (cs) - dansk (da) - Deutsch (de) - eesti (et) - ελληνικά (el) - English (en) - español (es) - français (fr) - Gaelic (ga) - hrvatski (hr) - italiano (it) - lietuvių (lt) - latviešu (lv) - magyar (hu) - Malti (mt) - Nederlands (nl) - polski (pl) - português (pt) - română (ro) - slovenčina (sk) - slovenščina (sl) - suomi (fi) - svenska (sv)

Il-Patt tas-Sindki issa ilu għal bosta snin jinfirex globalment, bil-ftuħ ta’ Uffiċji Reġjonali madwar id-dinja kollha. Liema ispirazzjoni taħseb li Pattijiet Reġjonali oħrajn jistgħu jiksbu mill-esperjenza tal-Patt fl-UE?

Mill-ħolqien tiegħu fl-2008 il-Patt tas-Sindki kien wieħed mill-inizjattivi Ewropej dwar l-enerġija u l-klima Ewropej li l-aktar li rnexxiet, mhux lanqas għax kien appoġġat mill-Kummissjoni u marbut direttament mal-politika tal-UE iżda ffurmat fil-parti l-kbira mill-ibliet u għall-ibliet fi proċess minn isfel għal fuq. Kollettivament il-firmatarji tal-Patt tas-Sindki tal-UE jinsabu resqin biex jilħqu l-mira medja tagħhom ta’ 27% għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 sal-2020. Kif għidt qabel, il-Patt tas-Sindki huwa l-akbar inizjattiva urbana dwar l-enerġija u l-klima fid-dinja u huwa ispirazzjoni qawwija għall-muniċipalitajiet madwar id-dinja.

Il-firxa globali tal-Patt tas-Sindki bdiet f’dan l-isfond lura fl-2011 bl-estensjoni tal-inizjattiva lejn il-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant tal-UE [jiġifieri, il-Belarussja, l-Ukrajna, il-Moldova, l-Armenja, il-Georgia, l-Ażerbajġan]. Fl-2012, il-Patt tas-Sindki kien reġa’ ġie estiż lejn ir-Reġjun n-Nofsinhar tal-Viċinat Ewropew permezz tal-proġett CES-MED. L-Uffiċċji Reġjonali għalhekk qed joperaw bl-appoġġ sħiħ tal-Patt oriġinali. Id-DNA tagħhom hija identika għall-Patt Ewropew u huma jaqsmu l-istess għanijiet u valuri: ingaġġ sħiħ taċ-ċittadini u l-partijiet interessati, sjieda lokali, u approċċ ibbażat fuq ir-riżultati biex itejbu l-kwalità tal-arja u l-għajxien fl-ibliet. Waqt il-COP21 fl-2015 f’Pariġi , aħna nedejna l-Patt tas-Sindki fl-Afrika Sub-Saħarjana, u issa diġà għandna l-ewwel bliet li qed jirċievu appoġġ biex inaqqsu l-faqar waqt li fl-istess ħin jippromwovu l-aċċess għall-enerġija, ir-reżiljenza u ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju! Aħna kburin li nappoġġjaw inizjattivi simili madwar il-globu, bit-tnedija fi tmiem is-sena l-oħra ta’ proċessi ta’ Patti reġjonali fl-Amerika ta’ Fuq, l-Amerika Latina u l-Karibew, il-Ġappun, iċ-Ċina, il-Korea, ix-Xlokk tal-Asja u l-Indja. Dawn in-netwerks kollha ser jibbenefikaw mill-esperjenza estensiva miksuba fl-UE, inkluż bil-ġemelaġġ ma’ bliet fl-UE kif ukoll fir-reġjun. Il-Pattijiet reġjonali awtonomi u nazzjonali kollha ser jaħdmu taħt l-umbrella tal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija - li, bħala l-akbar koalizzjoni globali ta’ bliet impenjati fil-ġlieda kontra it-tibdil fil-klima, ser jappoġġjahom biex ikollhom vuċi aktar b’saħħitha fil-kuntest internazzjonali, iżda jippermettilhom ukoll li jitgħallmu minn xulxin u jagħmlu progress kollettiv.

L-ibliet għandhom rwol ewlieni sabiex id-dinja tilħaq il-miri maqbula fil-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Patt tas-Sindki tal-UE joffri qafas għal azzjoni strateġika u f’terminu għat-tul li huwa maħsub u appoġġat mill-atturi lokali. U jaħdem!.

Il-Bord tal-Patt tas-Sindki tal-UE mniedi fl-10 ta’ Frar fi Brussell, mil-lum ‘il quddiem ser jipprovdi gwida strateġika lill-inizjattiva. X’messaġġ trid twassal lil dawk il-mexxejja tal-ibliet involuti?

L-ewwel nett nixtieq nifraħ lill-komunità kollha tal-Patt tas-Sindki fl-Ewropa talli waqqfu korp li jirrappreżentahom u jispira l-inizjattiva. Il-membri tal-Bord, bħala rappreżentanti tal-firmatarji, tal-bliet, tal-koordinaturi u tal-partitarji jagħtu wiċċ u kanal biex jilħqu lill-kategoriji kollha ta’ firmatarji. Huma l-interlokaturi ewlenin tal-Kummissjoni – għadni kif iltqajt mal-membri tal-Bord fil-20 ta’ Ġunju fi Brussell [1] – u jistgħu jinteraġixxu aktar bil-miftuħ mal-komunità Ewropea u globali dwar l-enerġija u l-klima.

Il-Bord tal-Patt tas-Sindki tal-UE għandu jkun l-interfaċċja ukoll mal-Bord tal-Patt Globali tas-Sindki, biex jgħaqqad l-isforzi u jgħin jiżgura li l-prijoritajiet politiċi għas-sindki tal-UE jkunu riflessi kif xieraq fil-moviment usa’. Se jkun essenzjali li flimkien nikkontribwixxu lejn l-orjentazzjoni strateġika tal-Patt tas-Sindki, b’aġġustament permanenti għall-ħtiġijiet tal-ibliet, u li, billi jaġixxu bħala ambaxxaturi, il-membri tal-Bord jingħaqdu ma’ muniċipalitajiet firmatarji jew mhux firmatarji biex jappoġġjaw azzjonijiet lokali dwar l-enerġija u l-klima. Dawn huma azzjonijiet konkreti biex tkun implimentata t-tranżizzjoni enerġetika u jinħoloq tkabbir sostenibbli.

L-ibliet tal-Patt għandhom ukoll isiru l-muturi għall-innovazzjoni, billi jaġixxu bħala “ekosistemi tal-innovazzjoni”, maħluqa bil-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ibliet, l-akkademiċi u l-industrija, bl-użu ta’ teknoloġiji u prodotti Ewropej. Il-Kummissjoni ser tkompli tappoġġa l-Patt tas-Sindki u, personalment, jien nistenna inizjattiva li hija b’saħħitha minn ġewwa grazzi għall-impenji ċari tal-2020 u l-2030 tal-membri tiegħu.

It-tragward importanti li jmiss tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa l-COP24 fl-2018, meta l-gvernijiet nazzjonali ser jevalwaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Aħna rajna permezz tal-Patt tas-Sindki li l-ibliet ta’ spiss taw prova li huma aktar ambizzjużi mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-klima u l-enerġija. Kif jistgħu l-azzjonijiet tal-ibliet ikunu appoġġati aktar mill-Istati Membri, u aktar b’mod speċifiku fid-dawl tal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE?

Tabilħaqq, l-2018 ser tkun sena importanti għall-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima; fil-COP24 ser naraw il-progress kollettiv tagħna lejn il-mira fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-2018 ser tkun opportunità kbira għall-ibliet tal-Patt biex juru l-kisbiet tagħhom.

Is-sena li għaddiet, matul il-COP22, l-ibliet tal-Patt tas-Sindki diġà wrew riżultati impressjonanti, bil-firmatarji tal-UE jnaqqsu l-emissjoni fl-2014 bi 23% [2]. Is-settur tal-bini kien l-akbar kontributur. Kodiċi dwar il-bini u modifiki huma tabilħaqq effettivi ħafna fit-tnaqqis tal-konsum waqt li jbaxxu wkoll l-ispejjeż enerġetiċi u jgħollu l-valur tal-proprjetà. Bħala eżempju, il-Belt ta’ Hannover (il-Ġermanja) naqqset il-konsum tal-enerġija b’madwar 60% b’modifiki fil-bini pubbliku u privat, u b’hekk ġew iffrankati 3,600 tunnellata ta’ CO2 kull sena. Oqsma oħra fejn rajna bliet imexxu bl-eżempju jinkludu l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-komunitajiet tal-enerġija lokali u soluzzjonijiet intelliġenti, mobbilità b’emissjonijiet baxxi u aċċess għall-enerġija fil-livell lokali.

Is-settur tal-enerġija huwa tabilħaqq deċiżiv għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi iżda anke biex jipproteġi liċ-ċittadini tagħna, b’mod partikulari dawk l-aktar vulnerabbli, billi jassigura aċċess għal enerġija nadifa u affordabbli għal kulħadd, waqt li jikkontribwixxi għall-kompetittività, l-impiegi u t-tkabbir. Il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa bil-qawwa l-ibliet fl-isforzi tagħhom biex jilħqu dawn l-objettivi billi tistabbilixxi l-qafas abilitanti, notevolment bil-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” li ġie adottat riċentement bħala parti mill-istrateġija tal-qafas tal-Unjoni tal-Enerġija.

Dan ser jikkontribwixxi biex ikun xprunat l-investiment, inkluż bil-ħruġ tal-inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti u użu mtejjeb tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), u bl-immobilizzazzjoni, mal-BEI, tal-investiment privat fl-effiċjenza fl-enerġija u l-adattament għall-klima permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament innovattivi – il-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE) u l-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali (NCFF). Bħala pass konkret wieħed, aħna diġà qed naħdmu fuq inizjattiva ta’ tlaqqigħ fl-aċċess għall-finanzjament li għalih jien inħeġġeġ lill-ibliet tal-Patt biex jipparteċipaw fih, u jibdew il-preparamenti biex dan ikun tajjeb mal-ewwel.

Barra dan, l-appoġġ tal-gvernijiet nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali huwa meħtieġ ukoll biex irawwem l-azzjonijiet fil-livell tal-ibliet, skont l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-gvernijiet nazzjonali jistgħu jiffissaw standards minimi li jistgħu jappoġġjaw lill-ibliet u jimmobilizzaw il-finanzjament għal azzjoni dwar il-klima fil-livell lokali, bl-ippremjar tal-investiment f’infrastruttura urbana b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u reżiljenti għall-klima. Dan ser jibbenefika lill-Ewropej kollha. Hawnhekk is-setgħa lill-bliet u liċ-ċittadini tmur id f’id.

Kif tara r-rwol tal-ibliet tal-Patt fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea għal Mobilità b’Emissjonijiet Baxxi?

Waqt li l-ibliet huma sors ewlieni ta’ tkabbir, huma wkoll sors ewlieni ta’ tniġġis tal-arja. It-trasport jirrappreżenta kważi kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Ewropa u huwa l-kawża ewlenija ta’ tniġġis tal-arja fl-ibliet. Fis-settur tat-trasport, it-trasport fit-triq huwa l-akbar emittent, u kien jammonta għal aktar minn 70% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport fl-2014.

Permezz tal-istrateġija tal-Kummissjoni għal mobilità b’emissjonijiet baxxi adottata f’Lulju tal-2016, it-tweġiba tal-Ewropa għall-isfida tat-tnaqqis fl-emissjonijiet fis-settur tat-trasport hija f’bidla irriversibbli lejn mobilità b’emissjonijiet baxxi. Sa nofs is-seklu, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport jridu jkunu tal-anqas 60% inqas mill-1990 u jkunu fuq triqthom lejn emissjonijiet żero.

B’mod parallel, hekk kif l-arja nadifa issa hija aktar skarsa, l-ibliet ikun jeħtiġilhom li jimxu mit-tniġġis lejn soluzzjonijiet. Emissjonijiet ta’ inkwinanti tal-arja mit-trasport li jagħmlu ħsara lis-saħħa tagħna jridu jitnaqqsu b’mod sinifikanti mingħajr dewmien.

Il-mobilità b’emissjonijiet baxxi tibbenefika liċ-ċittadini Ewropej billi tagħtihom titjib fil-kwalità tal-arja, tnaqqis fil-livelli tal-ħoss, livelli ta’ konġestjoni aktar baxxi u sigurtà mtejjba kif ukoll bis-sostenn ta’ impiegi, tkabbir, investiment u innovazzjoni.

Bliet u awtoritajiet lokali tal-Patt għandhom jagħtu eżempju lill-oħrajn biex isegwu fit-twettiq ta’ din l-istrateġija permezz ta’ ppjanar u azzjoni koerenti. L-ibliet digà qed jissostitwixxu l-ħtieġa ta’ trasport motorizzat permezz ta’ ppjanar urban ta’ densità għolja, bl-implimentazzjoni ta’ inċentivi għal enerġiji u vetturi alternattivi b’emissjonijiet baxxi, bl-inkoraġġiment ta’ mobilità attiva (ċikliżmu u mixi), trasport pubbliku u roti u skemi ta’ qsim ta’ karozzi biex jitnaqqsu l-konġestjoni u t-tniggis. Eżempju ta’ prattika tajba minn firmatarju tal-Patt tas-Sindki tal-UE ġej mill-Belt ta’ Zagreb, il-Kroazja. Il-belt issostitwiet il-flotta ta’ karozzi tal-linja b’160 karozza tal-linja li jużaw fjuwil nadif u effiċjenti fl-enerġija. Dan il-proġett tejjeb b’mod sinifikattiv il-kwalità tal-arja tal-belt. F’Hasselt, fil-Belġju u f’Tallin, fl-Estonja saret mossa ambizzjuża biex ikun offrut trasport pubbliku b’xejn. F’Hasselt, dan diġà sar sostenibbli u f’Talinn din hija miżura popolari, għax naqqset il-konġestjoni sa issa bi 15%, u attirat 9,000 abitant ġdid li l-ħlas tat-taxxa tagħhom diġà jkopri aktar mill-bejgħ tal-biljetti fil-passat.

Il-Kummissjoni saħħet l-azzjoni tagħha fl-appoġġ ta’ mobilità urbana aktar sostenibbli, permezz tal-qsim tal-esperjenza u l-aħjar prattiċi (pereżempju, permezz tal-osservatorju dwar il-mobilità urbana, Eltis), riċerka u innovazzjoni (pereżempju taħt Orizzont 2020 u inizjattivi bħal Civitas 2020, Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti, jew l-Inizjattiva Ewropea dwar Vetturi Ekoloġiċi), u appoġġ finanzjarju mmirat għal proġetti ta’ trasport urban (pereżempju permezz tal-fondi strutturali u ta’ investiment tal-UE, il-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiċi, u l-programm LIFE). Is-sinerġiji bejn il-klima u l-arja nadifa huma ċari. Nappella lill-bliet tal-Patt biex jilqgħu l-isfida u jibdew imexxu!

[1] Ara l-artikolu tagħna dwar il-laqgħa f’dan ir-rapport informali
[2] Inventarji tal-emissjonijiet sottomessi fl-4 ta’ Novembru 2016. Rapport tal-JRC dwar il-Patt tas-Sindki: Kisbiet u Projezzjonijiet dwar l-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra, li jrid jiġi ppreżentat fil-COP22.

 
     
    >> Covenant Monthly Newsletter July 2017 <<
(0 visits )
 
     
Find us on:
Twitter Facebook
Covenant of Mayors
  The sole responsibility for the content of this newsletter lies with the Covenant of Mayors Office. It does not necessary reflect the opinion of the European Union. The European Commission is not responsible for any use that may be made of the information contained therein. The Covenant of Mayors was set up with financial support of the European Commission and consists of five associations of European local authorities: Energy Cities, Climate Alliance, Eurocities, CEMR, Fedarene, and ICLEI Europe.

Subscribe / Unsubscribe to this newsletter.
European Union  
 
Covenant of Mayors