Illustration Glossarju

Il-Patt tas-Sindki hija inizjattiva multidimensjonali, li tinvolvi firxa wiesgħa ta’ atturi, ħafna passi u proċessi. Permezz ta’ dan il-glossarju, persuni ġodda jistgħu jsibu triqthom, bl-informazzjoni komprensiva dwar il-Patt, mill-A saż-Ż!

Aġenziji tal-Enerġija

L-aġenziji tal-enerġija lokali u reġjonali (LAREAs) jappoġġjaw l-introduzzjoni ta’ prattiki ta’ ġestjoni tal-enerġija tajba, jirrakkomandaw il-kunċett tas-sostenibilità, jipprovdu informazzjoni u gwida, u joffru numru ta’ servizzi lokali oħra bbażati fuq bżonnijiet enerġetiċi lokali speċifiċi. L-aġenziji tal-enerġija huma finanzjati mill-awtoritajiet pubbliċi.

Bażi ta’ Eċċellenza

Il-Bażijiet ta’ Eċċellenza huma eżempji rilevanti tal-inizjattivi li l-firmatarji, il-Koordinaturi u l-Partitarji tal-Patt iħossuhom partikolarment kburin dwarhom, u barra minn hekk huma azzjonijiet utli li awtoritajiet lokali, provinċji, reġjuni jew netwerks oħra jistgħu jirreplikaw.

Koordinaturi tal-Patt

Il-Kummissjoni Ewropea tagħti definizzjoni għal “Koordinaturi tal-Patt” bħala dawk l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jipprovdu appoġġ ta’ gwida strateġika, finanzjarja u teknika lill-muniċipalitajiet li jiffirmaw il-Patt tas-Sindki iżda jonqoshom ħiliet neċessarji u/jew riżorsi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Il-Koordinaturi tal-Patt huma awtoritajiet deċentralizzati subnazzjonali – inkluż provinċji, reġjuni u gruppi pubbliċi ta’ muniċipalitajiet – u entitajiet nazzjonali pubbliċi bħal aġenziji nazzjonali tal-enerġija.

Grupp ta’ Diskussjoni Tematiku

Il-Grupp ta’ Diskussjoni Tematiku huwa servizz ta’ skambju ta’ informazzjoni u esperjenzi li għandu l-għan li jistimula l-interazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-Patt. Dawn il-pjattaformi ta’ skambju magħmulin skont il-bżonn iġibu flimkien kategoriji predeterminati tal-partijiet interessati tal-Patt – jiġifieri, bliet kbar u żoni metropolitani; firmatarji ta’ daqs żgħir u medju; Koordinaturi tal-Patt u Partitarji tal-Patt - biex jiddiskutu suġġetti u mistoqsijiet relatati mal-Patt mal-imsieħba tagħhom, notevolment matul avvenimenti organizzati mill-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki, forums u webinars onlajn.

Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka

Iċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) huwa l-id xjentifika u teknika tal-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa responsabbli għall-provvista ta’ appoġġ tekniku u xjentifiku lill-inizjattivi. Dan jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-CoMO biex jipprovdi lill-firmatarji bil-linji gwida tekniċi u l-mudelli sabiex jassistihom fis-sodisfazzjoni tal-impenji tagħhom tal-Patt tas-Sindki kif ukoll fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati. Il-websajt tal-JRC: http://ec.europa.eu/dgs/jrc/

Imsieħba Assoċjati

L-Imsieħba Assoċjati huma assoċjazzjonijiet professjonali, NGOs, u strutturi oħra bħal dawn li huma fil-pożizzjoni li jipprovdu konnessjonijiet ma’ kumpaniji privati u s-soċjetà ċivili, kif ukoll appoġġ lill-firmatarji tal-Patt, notevolment fil-forma ta’ teknoloġiji, għodod, inċentivi finanzjarji, materjal promozzjonali, inizjattivi kulturali u parteċipattivi.

Inventarju Bażi tal-Emissjonijiet

Inventarju Bażi tal-Emissjonijiet huwa kwantifikazzjoni tal-ammont ta’ emissjonijiet CO2 minħabba l-konsum ta’ enerġija fit-territorju ta’ firmatarju tal-Patt matul sena bażi. Dan jippermetti l-identifikazzjoni ta’ sorsi prinċipali tal-emissjonijiet CO2 u l-potenzjali rispettivi tagħhom għat-tnaqqis.

Jum għall-Enerġija Lokali

Il-Jiem għall-Enerġija Lokali huma avvenimenti organizzati mill-firmatarji tal-Patt bħala parti mill-impenji uffiċjali tagħhom, bil-għan li joħolqu sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet offruti minn użu iżjed intelliġenti tal-enerġija. Dawn jipprovdu okkażjoni għall-awtoritajiet lokali biex jinvolvu lill-partijiet interessati u liċ-ċittadini fi djalogu komuni relatat mal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli. Normalment organizzat għal perjodu speċifiku, it-tipi ta’ avvenimenti jistgħu jvarjaw, iżda normalment jinkludu attivitajiet bħal laqgħat ta’ ħidma, eżibizzjonijiet, żjarat iggwidati u jiem ta’ ftuħ għall-pubbliku.

Laqgħa ta’ Ħidma Tematika

Il-Laqgħat ta’ Ħidma Tematiċi huma sessjonijiet interattivi ta’ bini ta’ kapaċitajiet organizzati mill-CoMO biex irawmu t-trasferiment ta’ esperjenzi u għarfien fost il-parteċipanti. Il-Laqgħat ta’ Ħidma Tematiċi se jimmiraw speċifikament il-Gruppi ta’ Diskussjoni.

L-Uffiċċju Informazzjoni

L-Uffiċċju Informazzjoni huwa l-konnessjoni primarja bejn l-awtoritajiet lokali u l-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki. Dan iwieġeb għal mistoqsijiet ġenerali jew tekniċi dwar l-inizjattiva u jassisti l-firmatarji matul il-proċess.

Mudell tas-SEAP/SECAP

Il-mudell tas-SEAP/SECAP huwa dokument elettroniku li l-firmatarji tal-Patt huma mitluba jikkompletaw onlajn bl-Ingliż, fl-istess ħin li jissottomettu l-Pjan ta’ Azzjoni tagħhom fil-lingwa (nazzjonali) tagħhom. Dan ġie żviluppat biex jassisti lill-firmatarji fl-istrutturar tal-azzjonijiet u l-miżuri tagħhom, u biex jiffaċilita l-monitoraġġ u l-insegwiment.

Partitarji tal-Patt

Il-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi l-“Partitarji tal-Patt” bħala netwerks Ewropej, nazzjonali u reġjonali u assoċjazzjonijiet ta’ awtoritajiet lokali li jingranaw l-attivitajiet ta’ influwenza, komunikazzjoni u kooperazzjoni tagħhom biex jippromwovu l-inizjattiva tal-Patt tas-Sindki u jappoġġjaw l-impenji tal-firmatarji tagħhom.

Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli

Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli (SEAP) huwa d-dokument prinċipali li fih il-firmatarju tal-Patt jiddeskrivi kif beħsiebu jilħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ CO2 sal-2020. Dan jiddefinixxi l-attivitajiet u l-miżuri stabbiliti biex jinkisbu l-miri, flimkien mal-perjodi ta’ żmien u r-responsabbiltajiet assenjati. Il-firmatarji tal-Patt huma ħielsa li jagħżlu l-format tas-SEAP tagħhom, sakemm jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida dwar tas-SEAP tal-Patt.

Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli u għall-Klima (SECAP, Sustainable Energy and Climate Action Plan)

Dokument ewlieni li fih firmatarju tal-Patt tas-Sindki jiddeskrivi kif biħsiebu jwettaq l-impenji tiegħu. Jiddefinixxi l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament biex jintlaħqu l-miri, flimkien mal-iskedi taż-żmien u mar-responsabilitajiet assenjati.

Rapport ta’ Implimentazzjoni

Rapport ta’ implimentazzjoni huwa dokument li l-firmatarji tal-Patt jikkommettu li jissottomettu kull sentejn wara s-sottomissjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli tagħhom, u jiddeskrivi r-riżultati interim tal-implimentazzjoni tiegħu. L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jivvaluta jekk ir-riżultati preliminari jikkonformawx mal-oġġettivi previsti.

Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki

L-Uffiċċju tal-Patt tas-Sindki (CoMO), stabbilit u finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, huwa responsabbli għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ kuljum tal-inizjattiva. Dan jipprovdi lill-firmatarji b’appoġġ amministrattiv u gwida teknika, jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati tal-Patt u jiżgura l-promozzjoni tal-attivitajiet tagħhom. Il-CoMO huwa ġestit minn konsorzju ta’ netwerks Ewropej li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, immexxi minn Energy-Cities u kompost minn CEMR, Climate Alliance, Eurocities u Fedarene.

Valutazzjoni tar-Riskji u tal-Vulnerabbiltà

Analiżi li tiddetermina n-natura u l-livell tar-riskju billi tanalizza l-perikli potenzjali u tivvaluta l-vulnerabbiltà li jistgħu jkunu ta’ theddida jew ta’ ħsara potenzjali għan-nies, għall-proprjetà, għall-għajxien tan-nies, u għall-ambjent li jiddependu minnu - din tippermetti l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ tħassib kritiku u għalhekk tipprovdi informazzjoni biex jiġu bbażati d-deċiżjonijiet fuqhom. Il-valutazzjoni tista’ tindirizza r-riskji marbuta mal-għargħar, mat-temperaturi estremi u perjodi ta’ sħana kbira, nixfa u skarsezza tal-ilma, maltempati u ma’ avventimenti estremi oħra tat-temp, ma’ żieda fin-nirien tal-foresti, ma’ żieda fil-livell tal-baħar u mal-erożjoni kostali (jekk ikunu applikabbli).

Webinar

Webinar huwa preżentazzjoni interattiva u diretta fuq il-web, li jipprovdi opportunità għall-partijiet interessati tal-Patt - inkluż il-firmatarji, il-Partitarji u l-Koordinaturi tal-Patt – biex jattendu lekċer mogħtija mill-membri tal-CoMO jew esperti oħra dwar suġġett speċifiku relatat mal-Patt.

Twitter
Biex tagħmel skambju
permezz tal-mowbajl
Facebook
Biex issir ammiratur
tal-paġna tal-Patt
Newsletter
Biex tabbona
għall-bullettin ta’ kull xahar
Rss feeds
Biex tirċievi
l-aħbarijiet fil-ħin reali
Bl-appoġġ politiku tal-Kummissjoni Ewropea Bl-appoġġ politiku tal-Kummissjoni Ewropea . Il-websajt hija koordinata mill-Uffiċċju tal-Patt.
Aħbarijiet | Aġenda | Mappa tas-sit | Għajnuna Rss | Krediti | Legali